Ġie ffirmat ftehim kollaborattiv bejn id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u CheckPoint Malta sabiex jibda jiġi offrut ittestjar mediku għal HIV fi ħdan LGBTIQ+ Hub f’Raħal Ġdid.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li din il-kollaborazzjoni ser tkun qed tiġbor flimkien l-isforzi dedikati ta’ CheckPoint Malta, organizzazzjoni volontarja impenjata għall-promozzjoni tas-saħħa u l-benesseri sesswali partikolarment HIV, u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jopera l-LGBTIQ+ Hub. Dan iċ-ċentru huwa spazju kruċjali biex ikunu jistgħu jingħataw servizzi relatati mal-komunità LGBTIQ+ f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, li ppresediet l-iffirmar tal-ftehim spjegat li l-Gvern kommess li jkompli jnaqqas l-istigma f’kull settur possibbli, għalhekk, dan il-ftehim li ġie ffirmat, bejn id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-NGO CheckPoint Malta, se jservi ta’ pass ieħor ’il quddiem sabiex ikompli jsaħħaħ is-servizzi provduti mill-LGBTIQ Hub.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li dan il-ftehim se jfisser servizz aktar effiċjenti fejn il-komunità tista’ tmur tuża dan is-servizz għall-ittestjar, filwaqt li bħala gvern se jkomplu jintensifikaw il-ħidma biex ikun hemm aċċess ugwali għal kulħadd.
“Issa se jkun hemm servizz aktar effiċjenti fi ħdan l-LGBTIQ HUB fejn il-komunità tista’ tmur u tuża’ dan is-servizz ta’ ittestjar u aħna bħala Gvern inkomplu nintensifikaw is-servizzi tagħna sabiex nassiguraw aċċess ugwali għal kulħadd.”
Il-President tal-organizzazzjoni CheckPoint Malta, Marc Buhagiar, tenna s-sodisfazzjon tiegħu għaliex issa din l-NGO se jkollha faċilità oħra fejn tista’ tipprovdi servizz ta’ ttestjar għal mard li jista’ jiġi trażmess sesswalment, partikolarment l-HIV.
“L-importanza ta’ checkpoint Malta għal dan l-MOU huwa li issa ħa jkollna faċilità oħra għall-ittestjar. Aħna l-għan tagħna kien dejjem li ntejbu l-aċċess għall-ittestjar tal-HIV għaliex inti jekk inti dejjem qed ikollok x’taqsam man-nies dejjem hija importanti li tiġi ttestjat u huwa servizz provdut mill-komunità għall-komunità u n-nies jiġu ttestjat b’mod unanimu u non-judgemental u nibqgħu naħdmu biex intejbu l-aċċess.”
Persuni li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar is-servizzi offruti fi ħdan il-LGBTIQ+ HUB jistgħu jikkuntattjaw lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq +3562223210 jew bl-email fuq hrd@gov.mt.