Is-sajjieda Maltin u Għawdxin ser ikunu qed jirċievu fjuwil orħos mr-rata normali.
Dan wara ftehim li wasal għalih il-Gvern dwar l-użu tal-karburant b’rata ta’ dazju żero fuq it-taxxa tas-sisa għas-sajjieda.
Ikkonferma dan il-Ministru politikament responsabbli mis-sajd, Anton Refalo hekk kif spjega wkoll li b’hekk is-suq ġie liberalizzat għal-benefiċċju tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Refalo tenna, “Dan is-suq issa ġie liberalizzat, fl-istess ħin qgħadna wkoll attenti biex ma jkunx hemm abbużi però b’dan il-ftehim il-ġdid li għamilna aħna mal-istakeholders kollha issa s-sajjieda Maltin u Għawdxin sejrin jirċievu l-fjuwil orħos milli kien ftit tal-jiem ilu u għalhekk jiena rrid nirringrazzja lill-istakeholders kollha, lill-koperattivi, dawk kollha li kienu involuti fin-negozjati b’mod speċjali wkoll is-sajjieda Maltin u Għawdxin.”
Ikkonfermat dan ukoll il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd hekk kif f’email li bagħtet lill-kmamar tal-aħbarijiet f’Malta u Għawdex ġabet fix-xejn dik meqjusa bħala fake news mill-Kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
It-Tnejn li għadda NET News irrapporta li s-sajjieda sabu ma wiċċhom problemi biex jingħataw fjuwil sussidjat madankollu l-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd kjarifikaw li ma kien hemm l-ebda kaos kif rrappurtat minn Net News.
Fil-fatt il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd qalu li għall-kuntrarju ta’ dak li rrappurtat il-midja tal-Partit ta’ Bernard Grech, permezz ta’ ftehim, illum is-sajjieda qed isibu prezz tal-karburant irħas minn dak li kien ftit tal-jiem ilu.
Il-Koperattivi ppreċiżaw ukoll li l-pompa ta’ Marsaxlokk għażlet hi li ma tkunx parteċipi f’dan il-ftehim il-ġdid rigward l-użu ta’ karburant b’rata ta’ dazju żero fuq it-taxxa tas-sisa għas-sajjieda, u saħqu li permezz tal-arranġamenti preżenti, l-ebda sajjied m’hu ser ibati jew ikollu diffikultatajiet sabiex joħroġ jistad.