Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel iffirmaw l-ewwel ftehim kollettiv li qatt sar dwar settur ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kardjoloġija, l-ECG technicians.
Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-professjoni ta’ dawn il-ħaddiema, joffri kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol u jistabbilixxi struttura ta’ kif jista’ jsir avvanz fil-karriera tagħhom.
Fost oħrajn billi jingħataw rikonoxximent fl-iskala tal-paga tal-istudju addizzjonali li jsir f’ livell ta’ diploma, degree u anka masters.Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li s-settur tal-kardjoloġija qed jikber b’rata mgħaġġla u t-testijiet offruti mix-xjenza qed isiru iktar sofistikati.
Għalhekk id f’id ma’ dan l-avvanz jeħtieġ li r-riżors uman ikompli jitħarreġ biex dawn it-testijiet u proċeduri jkunu offruti fl-isptarijiet Maltin. Fearne innota kif il-ftehim milħuq se jwassal għal dan, għaliex joffri inċentiv lill-ECG technicians ikomplu jistudjaw anka wara l-ewwel speċjalizazzjoni tagħhom. B’hekk s-sistema tas-saħħa tagħna tista tkompli tavvanza.
Il-Ministru u l-President tal-MUMN, Maria Cutajar, irrimarkaw kif it-taħdidiet ħadu fit-tul, iżda r-riżultat kien dak mixtieq miż-żewġ naħat.