Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija, ġedded ftehim mal-grupp ESL Gaming sal-elfejn erbgħa u għoxrin.
Dan il-ftehim imġedded jinkludi li Malta tospita kompetizzjoni li tinkludi tmien mija u ħamsin elf dollaru fi premjijiet.
Din il-kollaborazzjoni bejn GamingMalta u ESL Gaming bdiet fl-elfejn u għoxrin. Permezz ta’ dan il-ftehim qed jinħolqu diversi opportunitajiet f’dan is-settur, waqt li pajjiżna qed jistabilixxi ruħu bħala pajjiż fuq quddiem fis-settur tal-gaming.
Dwar dan il-ftehim, il-Maniġer ta’ din il-kumpanija, Brian Kramer, qal li jinsabu sodisfatti li se jospitaw dan il-kampjonat f’pajjiżna.
Intant, fi żvilupp ieħor, il-kumpanija internazzjonali Keywords Studios, li toffri servizzi tekniċi għal dawk li joħolqu l-logħob diġitali, se tiftaħ is-servizzi tagħha f’Malta.
Din il-kumpanija tħaddem magħha ħdax-il elf persuna u tinsab mifruxa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Keywords Studios, Bertrand Bodson, qal li huma impressjonati bl-investiment li għamel il-Gvern Malti f’dan is-settur f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, innota li dan qed issir grazzi għall-istrateġija tal-Gvern f’dan is-settur.
Qal, “U dan kollu jkompli jagħmillek kuraġġ, fejn l-istrateġija li nidejna erba’ snin ilu fuq il-video game development u l-e-sport. Konna wieħed mill-ewwel gvernijiet, nistgħu ngħidu hekk, fid-dinja, fejn kellna strateġija għal dan is-settur. U dak il-fatt kien ġie rikonoxxut ukoll minn diversi kumpaniji u l-fatt li kellna Gvern li qed jirrikonoxxi lil din l-industrija, allura tatna dak il-vantaġġ biex nibdew nitkellmu magħhom u llum qed naqtgħu dawk ir-riżultati.”