Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-lokalita’ tar-Rabat (Malta) iffirmat ftehim fil-belt Spanjola ta’ Santa Comba bħala parti mill-proġett ‘YOUth and democracy: empowering EUrope’s next generation”.
Dan tħabbar mill-Kunsill Lokali tar-Rabat fejn fi tmien il-ġimgħa li għaddiet, il-Viċi Sindku Matthew Chetcuti flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Anthony Bonello żaru l-belt ta’ Santa Comba fi Spanja fejn sar il-ftehim uffiċjali mall-pajjiżi kollha parteċipi f’dan il-programm.
Dan il-programm, li huwa proġett tas-’Cities Network’, fi ħdan il-Programm ‘CERV’, għandu bħala objettiv prinċipali li joffri opportunita’ ugwali lil kulħadd biex jesprimu liema tip ta’ Ewropa li jridu kif ukoll tinvestiga u tippromwovi miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u taż-żgħażagħ fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2024.
Tul it-18-il xahar ta’ dan il-proġett, iċ-ċittadini ta’ dawn it-territorji se jipparteċipaw fuq termini ugwali, billi jorganizzaw 6 avvenimenti f’6 pajjiżi differenti b’workshops diversi u anke laqgħat ma’ voluntiera, wirjiet pubbliċi u dokumentarji bil-għan li titqajjem kuxjenza pubblika dwar valuri bħall-multikulturaliżmu taċ-ċittadinanza Ewropea, il-benefiċċji tal-fehim u t-tolleranza biex wieħed iħossu qisu l-UE.
Dan qed isir bejn 19-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea, liema pajjiżi huwa Spanja, Slovakkja, Litwanja, Latvja, Portugall, Ċipru, Bulgarija, Polonja, Kroazja, Greċja, Malta, Awstrija, Franza, Ungerija, Italja, Irlanda u Rumanija. Bħala parti mill-programm li se jsir, pajjizna permezz tar-Rabat se jkun qed jipparteċipa f’dan il-proġett f’Diċembru li ġej.