Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni dwar l-ambjent li permezz tiegħu ż-żewġ partijiet imsemmija se jibdew jaħdmu iżjed qrib flimkien favur prattiċi sostenibbli fejn tidħol l-industrija tal-ospitalità.
Fost l-azzjonijiet marbutin mas-sostenibbilità ser jibda proċess li permezz tiegħu jiġu introdotti ċertifikati ambjentali f’lukandi u stabbilimenti oħrajn li huma marbutin mat-turiżmu. Dan ser ikun qiegħed isir permezz tal-programm Green Key li diġà ċċertifika madwar 4,440 lukanda f’60 pajjiż differenti minn madwar id-dinja.
B’reazzjoni għal dan il-ftehim, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif fid-dawl li pajjiżna qiegħed jirreġistra l-aqwa riżultati turistiċi fl-istorja, dan huwa l-mument opportun li l-prodott turistiku jibda jħares lejn kwalità ogħla u prattiċi sostenibbli bħala l-ordni tal-ġurnata.