Tfal u anzjani mix-Xewkija Għawdex issa jistgħu jgawdu mill-proġett tal-iSchool Grannies.
Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija. B’hekk, tfal fix-Xewkija issa se jkollhom persuni anzjani jassistuhom huma u deħlin u ħerġin mill-iskola primarja.
Għall-iffirmar tal-ftehim attendew il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli. Huma qalu li diġà nħarġet espressjoni ta’ interess biex persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena juru l-interess tagħhom li jkunu School Grannies ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija.
Fil-fatt, kien hemm tliet anzjani li wrew l-interess li jidħlu għal dan il-proġett, u għalhekk ingħatalhom taħriġ dwar l-irwol tagħhom bħala School Grannies qabel ma bdew f’dan l-inkarigu.
Il-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex ġew imħeġġa biex isegwu ż-żewġ lokalitajiet li diġà qed iħaddmu l-idea tal-iSchool Grannies sabiex issa dan il-proġett jitwettaq fuq bażi nazzjonali.
L-irwol ta’ l-iSchool Grannies jitlob li l-persuni b’din ir-responsabbiltà jkunu ħdejn l-iskola biex jilqgħu lit-tfal waqt li jkunu deħlin u ħerġin mill-iskola, skont skeda ppreparata mill-Kunsill Lokali.
Huma jassistu wkoll lit-tfal fit-trasport ipprovdut mill-Kunsill Lokali billi jkunu magħhom fil-vann. B’kollaborazzjoni mal-pulizija, huma jgħinu wkoll biex iwaqqfu u/jew jidderieġu t-traffiku u jgħinu lit-tfal biex jaqsmu t-triq.
Il-Ministru Jo Etienne Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim, li jkompli jassigura li l-anzjani f’pajjiżna jkunu attivi fil-komunitajiet. Huwa qal ukoll li l-mudell li bbenifika minnu l-Kunsill ta’ Bormla huwa mudell tajjeb u għaldaqstant tali inizjattivi għandhom jitwessgħu f’kull lokalità f’pajjiżna.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li temmen bi sħiħ fi proġetti bħal dawn, proġetti interġenerazzjonali għat-tisħiħ tal-komunitajiet.