L-Aġenzija Sapport flimkien mal-Fondazzjoni Inspire ffirmaw ftehim ieħor b’investiment ta’ żewġ miljun u disa’ mitt elf ewro.
B’hekk il-Gvern issa se jkun jista’ jipprovdi servizzi speċjalizzati ta’ matul il-jum lil 33 persuna b’diżabilitajiet profondi u li għandhom bżonnijiet aktar kumplessi.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fil-fatt ġie spjegat li dan il-ftehim qed isir fuq medda ta’ tliet snin u qed jiġi mġedded b’żieda konsiderevoli ta’ miljun u mitt elf ewro mill-investiment preċedenti, kif ukoll b’żieda fil-persuni b’diżabilità li se jgawdu minn dawn is-servizzi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat kif se jiżdiedu s-sigħat ta’ servizz għal kull individwu minn 25 siegħa għal 30 siegħa.
Dwar il-persuni b’diżabilità li se jgawdu minn dan il-ftehim, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn se jiġu assessjati minn tim ta’ professjonisti fi ħdan l-Aġenzija Sapport u se jitħejja pjan personalizzat għal kull individwu, f’kollaborazzjoni ma’ professjonisti multi-dixxiplinarji fi ħdan il-Fondazzjoni Inspire.
Spjegat, “Dan il-ftehim ta’ €2.9 miljun li se jara li persuni b’diżabilità li jattendu dan il-programm jingħataw l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli kif ukoll l-attenzjoni meħtieġa fil-programmi u d-dixxiplini differenti li jkunu qegħdin isegwu.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni Matthew Vella saħaq dwar kif dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-Servizz Pubbliku u għaqdiet mhux governattivi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras enfasizzat l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal din bejn l-aġenzija nazzjonali u l-Fondazzjoni Inspire.
Qalet, “F’dan il-kuntratt hemm ukoll li l-Aġenzija se tkompli ssegwi lill-persuni b’diżabiltà, tassessja u tara li jimxi kollox skond l-istandards waqt li wkoll tinvolvi wkoll lill-familja u kif ukoll lil-professjonisti l-oħra biex nagħmlu pjanijiet individwali għal dawn il-persuni b’diżabilità.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Antonello Gauci spjega kif il-programm Star jipprovdi attenzjoni speċjalizzata lil żgħażagħ, irġiel u nisa li għandhom diżabilitajiet profondi.
Qal, “Naturalment l-għajnuna li se tiġi mgħotija lill-Inspire f’dan il-kuntratt se tgħin lill-organizzazzjoni tibqa’ tinvesti fir-riżorsi, fl-ispeċjalizzazzjoni ħalli nkunu nistgħu nkomplu ntejbu s-servizzi tagħna.”