L-Iżvizzera qiegħda tiddiskuti mal-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-moviment ħieles bejn l-Iżvizzera u l-Unjoni Ewropea fid-dawl ta’ referendum li sar tliet snin ilu. Ftehim dwar din il-kwistjoni għandha tiġi konkluża sa Frar 2017, jiġifieri waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Dan intqal f’laqgħa li kellu l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa mal-President tal-Federazzjoni Svizzera Johann Schneider-Amman waqt is-Summit bejn il-pajjiżi tal-Asja u l-Ewropa li qed isir fil-Mongolja.
Il-Prim Ministru Malta qal li dawn id-diskussjonijiet issa ġew iktar ikkumplikati permezz ta’ Brexit u kwalunkwe diskussjonijiet iridu jsiru f’dak il-kuntest. B’hekk ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-Iżvizzera trid tikkonkludi d-diskussjonijiet, filwaqt li r-Renju Unit għadha ma skattatx id-diskussjonijiet biex toħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Intant il-President tal-Iżvizzera qal li jixtieq ikompli dawn id-diskussjonijiet ma’ Malta fl-isfond li t-tliet snin żmien mir-referendum Żvizzeru jagħlaq fi żmien il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Żvizzeru se jkun qed iżur Malta iktar tard din is-sena.