Malta u l-Eġittu daħlu fi ftehim mmirat li jsaħħaħ l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità u ż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet lill-għaqdiet volontarji. Bl-iskop ewlieni li jippromwovu l-inklussività, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw memorandum ta’ ftehim biex jikkollaboraw fuq diversi inizjattivi ewlenin.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, u l-Ministru għas-Solidarjetà tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Nivine El-Qabbage, fil-Kajr.
Wieħed mill-proġetti ewlenin li ż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jikkollaboraw fuqu hu l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ Autism Friendly Spaces, li kellu suċċess notevoli f’pajjiżna. L-Eġittu għandu l-intenzjoni li jimplimenta l-istess mudell użat f’pajjiżna, b’Malta se tkun qed toffri l-kompetenza u l-assistenza tul il-proċess tal-implimentazzjoni. Iż-żewġ pajjiżi qed jintrabtu wkoll li jinkludu bdil ta’ esperjenzi fir-riabilitazzjoni soċjali għall-individwi fl-ispettru tal-awtiżmu.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed li se jkompli jippromwovi l-eċċellenza ta’ Malta fis-settur tad-diżabilità. “Pajjiżna rnexxielu jimplimenta b’mod tajjeb ħafna l-kunċett ta’ Autism Friendly Spaces, tant li ħafna azjendi qed jaraw li jinkorporaw spazji ta’ din in-natura fil-binjiet tagħhom. Permezz ta’ dan il-ftehim, ix-xogħol li flimkien wettaqna se jkun qed jiġi rikonoxxut u implimentat fl-Eġittu għall-ġid ta’ aktar nies fuq l-ispettru. Dan il-ftehim se jkun ukoll importanti biex flimkien mal-kullana ta’ skemi u opportunitajiet diġà offruti lill-għaqdiet volontarji f’pajjiżna, dawn ikunu f’pożizzjoni li jkomplu jkattru l-esperjenzi tagħhom barra l-pajjiż,” qalet il-Ministru Maltija.
Permezz ta’ sforzi kollaborattivi, Malta u l-Eġittu qed ifittxu li jtejbu l-appoġġ għall-persuni neqsin mid-dawl, filwaqt li jisfruttaw l-aħħar għajnuniet u teknoloġiji biex jgħinu lil dawn l-individwi jgħixu bl-aħjar mod fi ħdan is-soċjetà.
Il-ftehim jintroduċi wkoll opportunitajiet ta’ bdil għal voluntieri żgħażagħ u ġemellaġġi għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità biex irawmu t-tagħlim reċiproku u l-kollaborazzjoni bejn is-setturi volontarji taż-żewġ pajjiżi.
Akkumpanjata mill-Ambaxxatur Malti għall-Eġittu, Roberto Pace, id-delegazzjoni Maltija żaret il-kwartieri ġenerali tal-għaqda volontarja Egyptian Red Crescent li qed tmexxi u tikkordina ħidma umanitarja f’Gaza. F’Diċembru li għadda, il-Gvern Malti kkontribwixxa għall-ħidma umanitarja li qed twettaq din l-għaqda. Id-delegazzjoni żaret ukoll il-fondazzjoni Life Makers li tiffoka l-ħidma tagħha fuq is-soċjal, l-edukazzjoni u s-saħħa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, Nancy Caruana, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, u Margaret White minn Prisms Malta li ħadmu fuq proġetti ta’ Autism Friendly Spaces f’pajjiżna.