Ġie ffirmat ftehim bilaterali, bejn Malta u l-Eġittu, bil-ħsieb li jiżdied l-appoġġ għal persuni b’diżabilità u żgħażagħ, filwaqt li jiġu pprovduti aktar opportunitajiet lill-għaqdiet volontarji.
Il-Ministru għall-Inklussività u s-Settur tal-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, li ffirmat dan il-ftehim, ddeskrivietu bħala wieħed li se jkompli jippromwovi l-eċċellenza ta’ Malta fis-settur tad-diżabilità.
Permezz ta’ sforzi kollaborattivi, Malta u l-Eġittu qed ifittxu li jtejbu l-appoġġ għall-persuni neqsin mid-dawl, filwaqt li jisfruttaw l-aħħar għajnuniet u teknoloġiji biex jgħinu lil dawn l-individwi jgħixu bl-aħjar mod fi ħdan is-soċjetà.
Il-ftehim jintroduċi wkoll opportunitajiet ta’ bdil għal voluntieri żgħażagħ u ġemellaġġi għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità biex irawmu t-tagħlim reċiproku u l-kollaborazzjoni bejn is-setturi volontarji taż-żewġ pajjiżi.
Qalet, “Proġett Malti ta’ Autism Friendly Spaces, spazji li jkunu aktar addattati għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, u allura permezz tal-NGO Maltija PRISMS, qegħdin naraw li dan il-proġett, jibda bil-mod il-mod jitwettaq fl-Eġittu wkoll.”
Akkumpanjata mill-Ambaxxatur Malti għall-Eġittu, Roberto Pace, id-delegazzjoni Maltija żaret il-kwartieri ġenerali tal-għaqda volontarja Egyptian Red Crescent li qed tmexxi u tikkordina ħidma umanitarja f’Gaza.
Fil-fatt, f’Diċembru li għadda, il-Gvern Malti kkontribwixxa għall-ħidma umanitarja li qed twettaq din l-għaqda. Id-delegazzjoni żaret ukoll il-fondazzjoni Life Makers li tiffoka l-ħidma tagħha fuq is-soċjal, l-edukazzjoni u s-saħħa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, Nancy Caruana, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, u Margaret White minn Prisms Malta li ħadmu fuq proġetti ta’ Autism Friendly Spaces f’pajjiżna.