Sħubija bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Film Commission ser tgħin biex nies fl-industrija tal-film ikollhom togħma aktar tajba ta’ pajjiżna.
Id-diretturi u l-produtturi tal-films li jżuru xtutna, issa ser jinstaqu minn post għal ieħor, sabiex jiddeċiedu fejn l-aħjar li jiffilmjaw, f’BMW X5 iffinanzjata mill-MIA.
“L-għan hu li ngħinu lill-Malta Film Commission tkompli tattira l-aqwa produzzjonijiet. Hekk kif qed nippruvaw nippreżentaw lil Malta bħala destinazzjoni li għandha ħafna x’toffri, huwa kruċjali li naħdmu mill-qrib ma’ partijiet interessati oħrajn, inkluża l-industrija tal-films li diġà wriet li għandha ħafna x’toffri lill-industrija tat-turiżmu,” qal is-CEO tal-MIA, Alan Borg.
Il-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal: “Huwa tassew inkoraġġanti li kumpaniji kbar jemmnu fil-potenzjal tal-industrija tal-films. Malta qed tiġi promossa madwar id-dinja permezz tal-prominenza tagħha f’għadd ta’ blockbusters u, konsegwentement, dan qed jagħti spinta lil għadd ta’ industriji oħrajn, notevolment tat-turiżmu.”