Hawnhekk intlaħaq ftehim biex jintbagħtu riċerkaturi Maltin fuq apprentistat ta’ sitt xhur man-NASA Gene Lab f’Kalifornja, biex ikun organizzat bootcamp dwar is-suġġetti tax-xjenza mill-istess istituzzjoni f’Malta u kif ukoll biex in-NASA torganizza konferenza f’pajjiżna.
Pajjiżna saħħaħ ir-relazzjoni man-NASA biex jiżdiedu l-esperimenti spazjali minn xjentisti Maltin u biex jiġu identifikati niċeċ partikolari fl-industrija spazjali li Malta tista’ tirnexxi fihom.
Dan permezz ta’ diskussjonijiet li delegazzjoni Maltija kellha fiċ-Ċentru ta’ Riċerka tan-NASA f’Silicon Valley f’Kalifornja.
Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi lill-Professur tal-Università ta’ Malta, Joseph Borg, li kien responsabbli għall-ewwel esperiment spazjali ta’ Malta bil-programm Maleth, u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Fil-programm Maleth, intbagħtu ċelloli tal-ulċeri tas-saqajn ta’ persuni bid-dijabete fl-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.
F’dan l-isfond, komplew id-diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tal-isħubija eżistenti bejn din l-istituzzjoni u akkademiċi bbażati f’Malta.
Hawnhekk intlaħaq ftehim biex jintbagħtu riċerkaturi Maltin fuq apprentistat ta’ sitt xhur man-NASA Gene Lab f’Kalifornja, biex ikun organizzat bootcamp dwar is-suġġetti tax-xjenza mill-istess istituzzjoni f’Malta u kif ukoll biex in-NASA torganizza konferenza f’pajjiżna.
Qal, “Mal-uffiċjali tan-NASA kelli l-opportunità li nikkomunika x’qed nagħmlu fil-qasam tal-ispazju u anki u kkomunikajt ma’ dawn l-istess uffiċjali fejn ftit tax-xhur oħra se jibda l-proċess biex aħna, pajjiżna, ikollu wkoll dak li ngħidulu l-Ispace Act, leġislazzjoni, il-framework li jirregola l-qasam tal-ispazju.”
Id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll laqgħat fl-Università ta’ Stanford, fejn inkiseb ftehim ieħor li se jissarraf fi programm ta’ opportunitajiet ta’ studju fit-tul għal professjonisti żgħażagħ Maltin biex iwettqu riċerka post-dottorat fl-Università ta’ Stanford.