Tmien Kunsill Lokali fiċ-Ċentru ta’ Malta mmexxija mill-Kunsill Lokali Iklin ingħaqdu fi ftehim sabiex jiggarantixxu kwalità tal-arja tajba għar-residenti tagħhom. Il-Kunsilli Lokali tal-Iklin, is-Swieqi, Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan, il-Għargħur, San Ġwann, u n-Naxxar iffirmaw ftehim ta’ Koperazzjoni Msaħħa (Enhanced cooperation), waqt laqgħa straordinarja bis-sehem tas-sindki tal-lokalitajiet imsemmija, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru.
Waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa, is-sindku tal-Iklin Dr Dorian Sciberras qal li bħala rappreżentanti tal-poplu, il-gvernijiet lokali kellhom ir-responsabbilità li jiżguraw li r-residenti tagħhom igawdu l-proprjetà tagħhom mingħajr inkonvenjent, f’ambjent san u ħieles minn kull periklu.
“Filwaqt li l-komunità industrijali u kummerċjali għandha kull dritt li topera fil-parametri tal-liġi, fiż-żoni li nirrappreżentaw, jeżistu diversi attivitajiet li qed joffru sfidi u impatt fuq il-kwalità tal-arja. Dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu biss bil-koperazzjoni tagħna flimkien,” qal Dr Sciberras.
Is-Sindku nnota li l-ikbar oneru sabiex tiġi żgurata kwalità ta’ arja tajba għar-residenti, jibqa’ fuq il-Gvern ċentrali, sabiex bis-saħħa kollha li tagħti l-liġi, jinsab bilanċ ekwu u aċċettabbli bejn il-ħidma industrijali, u d-drittijiet tar-residenti tal-madwar.
Waqt il-laqgħa ġie preżentat rapport dwar il-ħidma li seħħet dwar is-suġġet mill-Kunsill Lokali Iklin fl-aħħar sentejn, u saru interventi mis-Sindki preżenti, f’diskussjoni miftuħa.
Il-ftehim kien iffirmat minn Dr Dorian Sciberra (Kunsill Lokali Iklin), Noel Muscat (Kunsill Lokali Swieqi), Dr Angelo Micallef (Kunsill Lokali Ħal Balzan), Anthony Dalli (Kunsill Lokali Ħal Lija), Dr Desirei Grech (Kunsill Lokali Birkirkara), Helen Gauci (Kunsill Lokali Għargħur), Dr Christopher Deguara (Kunsill Lokali Naxxar) u Dominic Cassar (Kunsill Lokali San Ġwann).