Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u d-Diviżjoni tad-Tindif u l-Manutenzjoni li se jwassal għal kollaborazzjoni ġdida bejn żewġ entitajiet biex jissaħħu s-servizzi ta’ tindif f’siti u binjiet tal-gvern.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield waqt li ppresedew għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim.
Fost affarijiet oħra l-ftehim jipprovdi biex id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tieħu ħsieb biex fis-siti jew binjiet li jiġu indikati lilha mill-Awtorità tal-Artijiet tnaddaf is-sit, tiġbor skart li jkun intefa’ illegalment u tneħħi kull tip ta’ skart ieħor li jkun akkumula f’dawn il-binjiet jew siti.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se naraw li jkollna operat professjonali u koordinat bejn iż-żewġ entitajiet sabiex nassiguraw servizz ta’ kwalità għall-ġid tal-poplu. Din mhux biss kollaborazzjoni, imma impenn li nipproteġu u niżviluppaw l-ispazji pubbliċi tagħna għall-użu mill-komunitajiet tal-lum u fl-istess waqt nipproteġuhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, enfasizza l-importanza ta’ binjiet pubbliċi nodfa u miżmuma kif suppost. “Kif dejjem tennejt, l-ogħla kwalità ta’ ndafa pubblika tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex inkomplu nsaħħu l-indafa u l-manutenzjoni madwar il-pajjiż.”
“Hija inizjattiva li tirrifletti r-rieda li nindirizzaw il-bżonnijiet tas-soċjetà tagħna billi niżguraw ambjent nadif u sigur, kemm għal dawk li jużaw dawn il-binjiet kif ukoll għall-komunità inġenerali. Dan il-ftehim huwa pass ieħor fid-direzzjoni li ninvestu f’pajjiż fejn nagħtu l-opportunità lil kulħadd jgħix f’ambjent li jagħti valur lis-saħħa u lill-benesseri tiegħu,” temm jgħid Bedingfield.
Matul il-ġimgħat li għaddew diġà beda xogħol ta’ tindif u tneħħija ta’ skart goff minn binja li tagħmel parti minn fortifikazzjoni. F’din l-operazzjoni ttieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni biex il-ħaddiema ta’ din id-diviżjoni setgħu jaħdmu mingħajr periklu.
Il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet ġie ffirmat mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, u mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, Ramon Deguara.