Jinsabu fi stadju sensittiv in-negozjati bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani sabiex jinħelsu l-ostaġġi li qed jinżammu f’Gaza.
Fil-fatt uffiċjali għolja tal-Gvern Amerikan ikkonfermaw kif fl-aħħar jiem il-proċess ta’ negozjati kien wieħed pożittiv.
Il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu saħaq kif s’issa però għadu mhux se jagħti ordni biex jieqaf il-ġlied. L-Amerikani qalu kif hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar dan ukoll.
Ċifri uffiċjali juru li minn mindu beda l-kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani inqatlu aktar minn 12,300 persuna fl-istrixxa ta’ Gaza biss.
Sadanittant, kompla l-paniku fl-isptarijiet ta’ Gaza, bl-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-WHO, iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda perikoluża ħafna, bin-nies qed jinqatlu bl-addoċċ fihom.
Tim ta’ tobba tal-WHO żaru għal siegħa dawn l-isptarijiet, fejn fi stqarrija li taw wara, qalu li raw b’għajnejhom il-militar Iżraeljan jispara fuq id-daħla ta’ sptar.
Il-Ġnus Magħquda qalet kif qed twettaq l-arranġamenti biex b’mod urġenti tevakwa numru ta’ pazjenti għal żoni aktar siguri. Magħhom hemm 31 tarbija tat-twelid u li għandhom bżonn attenzjoni medika urġenti.