L-Awtorità tal-Ippjanar għadha kif iffirmat ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fejn se tkun qed tiffinanzja parti mill-ewwel mużew għat-Trasport f’Malta. Il-mużew se jkun qed isir fil-binja fejn qabel kien hemm l-istazzjon tal-ferrovija li jinsab fi Ġnien l-IStazzjon. L-Awtorità ffirmat ukoll ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex tiffinanzja b’mod sħiħ ir-resurfacing tal-karreġġjata fi Triq il-Qaliet. Għal dawn iż-żewġ proġetti, l-Awtorità se tkun qed tinvesti €500,000 mill-fond bl-isem, Development Planning Fund, li nħoloq riċentament.
Madwar €400,000 mill-fondi se jkunu qed jintużaw fuq il-proġett ambizzjuż li bihom se jkun qed jinħoloq mużew ġdid. Dan se jkun qed jinkludi xogħlijiet ta’ rinovazzjoni tal-binja li kienet tintuża bħala stazzjon , filwaqt li se jkun qed jinbidel minn ċentru għat-tfal għal mużew għat-trasport. Dan se jkun qed isir aċċessibbli wkoll b’lift, se tkun qed tinbena kjosk bl-imwejjed u s-siġġijiet, u se ssir rinnovazzjoni fil-ġardina u kif ukoll se jkun qed jitmexxa l-unika vagun li għad fadal mill-ferrovija li darba kienet. Din se tkun qed titpoġġa quddiem il-mużew.
Fuq il-proġett tar-resurfacing tal-karreġġjata fi Triq il-Qalliet f’Marsaskala, se jkun qed jiġu investiti €118,000. Din se tkun qed tingħata wiċċ ġdid bl-asfalt.