Ftehim ġdid bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità flimkien mal-Kunsil Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jwassal biex aktar anzjani jersqu lejn iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u jibqgħu attivi.
Fid-dawl li l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar hija kbira, b’bosta żoni fosthom il-Qawra u Buġibba, l-Anzjanità Attiva se tibda tkopri parti mill-ispejjeż tat-trasport li jwassal l-anzjani għaċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani li jinsab biswit il-binja tal-Kunsill.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima spjega li dan il-ftehim huwa xhieda tal-kollaborazzjoni attiva bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali.
Qal, “Għall-ewwel darba, il-kunsill ser jibbenefika minn għotja ta’ sittax-il elf ewro fis-sena, biex ikopri l-ispejjeż rikorrenti tat-trasport. Ovvjament dan jgħinna bħala kunsill, allura dawn l-istess fondi għandhom jinvestu bl-aħjar mod għall-istess residenti tagħna. Għal daqs hekk nixtieq nirringrazzja lill-Ministeru għall-kooperazzjoni li sibna. ”
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-kollaborazzjoni matul is-snin fit-tmexxija taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u stieden Kunsilli Lokali oħra biex jikkollaboraw fit-twaqqif ta’ aktar ċentri tal-Anzjanità Attiva fil-lokalitajiet tagħhom.
Spjega, “Il-ftehimiet iffirmati llum bħalissa qed jagħrfu r-responsabbiltajiet tal-kunsill biex joffri l-post mingħajr ħlas lil dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u jħallas għal parti mit-trasport.”