Heritage Malta ħabbret li ffirmat ftehim mal-entità Xjenza Malta favur aktar kollaborazzjoni bejniethom biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-edukazzjoni u karrieri fl-oqsma tas-suġġetti STEM – ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
Il-ftehim, li hu mmirat biex isir l-aqwa użu mill-ħiliet u l-kompetenzi uniċi taż-żewġ entitajiet governattivi biex jiġu żviluppati programmi edukattivi interattivi, wirjiet u workshops, ġie ffirmat mill-Kapijiet Eżekuttivi rispettivi ta’ Xjenza Malta u Heritage Malta, Silvio Scerri u Noel Zammit.
Il-ħsieb hu li jsir bdil ta’ għarfien u programmi ta’ orjentazzjoni għall-ħaddiema taż-żewġ aġenziji, b’kollaborazzjoni u appoġġ reċiproku fl-aċċess għall-Fondi Horizon Europe, speċjalment dawk taħt il-kappa tal-kultura, il-kreattività u s-soċjetà inklussiva.
Jirriżulta li l-ħidma diġa bdiet hekk kif l-entitajiet qed jaħdmu fuq avvenimenti annwali u attivitajiet indirizzati għall-familji, fost l-oħrajn. Dan anke bl-użu tat-teknoloġija avvanzata, b’mod partikolari l-Virtual Reality jew VR, bħala mezz tat-tqassim tad-diġitalizzazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta tkellem dwar il-vantaġġi li se jkun qed iġib dan il-ftehim.
Qal, “Dan l-ftehim tal-lum se jagħtina l-opportunità biex is-suġġetti tal-iSTEM, jiġifieri s-suġġetti tax-xjenza, li Xjenza Malta timbotta tant b’saħħa, jingħaqdu mal-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Hu importanti ferm li, fis-sistema edukattiva tagħna, min jistudja x-xjenza jkun ukoll konoxxenti mal-istorja ta’ pajjiżna. Tagħmlek bniedem sħiħ, fl-opinjoni tiegħi, jekk ix-xjenzat ikun ukoll artist.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta kompla li, bil-ftehim, l-għanijiet li għandhom iż-żewġ entitajiet se jintlaħqu b’aktar saħħa.
Qal, “B’hekk ħa nkunu qed naqsmu l-expertice tagħna u anke r-riżorsi tagħna u biex il-missjonijiet taż-żewġ entitajiet naslu għalihom b’aktar saħħa u b’aktar sinerġija.”