L-Erbgħa ġie ffirmat ftehim bejn il-Martime MT u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, biex iż-żewġ istituzzjonijiet ikomplu jżidu l-livell ta’ edukazzjoni fis-settur marittimu f’pajjiżna.
Il-ftehim ġie ffirmat bejn il-Kaptan Jesmond Mifsud u l-Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja.
Is-Sur Mifsud stqarr: “Aħna bħala piloti wkoll li mmexxu l-iskola t’hawnhekk hija l-idea tagħna li naraw il-futur tat-tfal tagħna li jidħlu aktar fl-industrija marattima. Hemm ħafna xi jsir, fis-sens illi hemm ħafna opportunitajiet bi prezzijiet tajba, illum fuq il-baħar iħallsu prezzijiet tajba u kull ċerifikat li bniedem iġib, dawk huwa tiegħu għal dejjem, jiġifieri jista’ jibqa’ jaħdem fejn irid mhux Malta biss, iċ-ċertifikati li noħorġu aħna l-Maritime MT huwa internazzjonali.”
Is-Sur Calleja qal, “Aħna nixtiequ li jkollna aktar preżenza fl-industrija u nixtiequ li l-industrija jkollha aktar preżenza ġol-MCAST. Dan huwa memorandum of understanding li ffirmajna llum biex jagħtina din l-opportunità nesploraw kif l-istudenti tagħna, anke minn livell ta’ sekondarju nibdew ninkoraġġuhom biex jidħlu għall-istudji kemm magħna, kemm mal-Maritime MT u kemm flimkien biex jidħlu fis-settur marittimu f’dan il-pajjiż li joffri opportunitajiet kbar ta’ impjieg.”
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għat-Trasport Ian Borg.
Il-Ministru Caruana qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, pajjiżna qed iħares ‘il quddiem fosthom anke fis-settur emerġenti u ġdid tas-Super Yachts.
Il-Ministru Borg qal li s-settur marittimu f’Malta joffri tlieta u għoxrin elf post tax-xogħol ta’ kwalità filwaqt li l-pandemija wriet l-importanza ta’ dan is-settur għal konnettività globali.