Malta u l-Libja ffirmaw ftehim edukattiv li permezz tiegħu, pajjiżna se joffri opportunitajiet ta’ taħriġ lill-Gvern Libjan mhux biss f’suġġetti bħall-Ingliż imma wkoll fuq livell tekniku.
Dan il-ftehim ġie ffirmat il-Ħamis waranofsinhar hekk kif jum qabel waslet f’pajjiżna delegazzjoni Libjana li ddiskutiet fid-dettall it-triq ’il quddiem għas-settur tal-edukazzjoni fil-Libja.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Libjan qal li Malta għandha l-istruttura ideali għall-kooperazzjoni fis-settur edukattiv fil-Libja.
Il-Gvern Malti offra kooperazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-MCAST fit-tagħlim tal-Ingliż u fi programmi edukattivi li jibnu l-ħiliet u l-valuri personali tal-individwi, li jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u biex il-problemi u t-tilwim jissolvew mingħajr vjolenza.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caurana, qalet li ftit tal-ġimgħat ilu, delegazzjoni Maltija marret il-Libja fejn saru laqgħat fuq livell politiku ma’ diversi esperti u nies fis-settur tal-edukazzjoni. Il-messaġġ dakinhar kien ċar, li riedu jaġixxu u mhux jiddiskutu biss.
Qalet kif, “Opportunitajiet ta’ taħriġ li aħna ħa nagħtu lill-Gvern Libjan fid-diversi livelli fuq livelli tekniċi wkoll jiġifieri mhux biss taħriġ fl-Ingliż kif normalment wieħed jitkellem imma wkoll fuq livell tekniku.”
Kompliet tispjega li d-diskussjonijiet li saru fiż-żewġ żjarat rispettivi, ifformulaw il-ftehim u t-triq ’il quddiem f’dan ir-rigward.
Spjegat, “Fil-laqgħat tekniċi kellna l-MCAST u l-Università u allura ħa nkunu qegħdin nimxu fuq dak il-binarju u tkellimna wkoll b’mod sabiħ ħafna fuq Ta’ Giorni. Hija faċilità kbira u spazjuża ħafna li għandha potenzjal però li għal diversi snin kienet mhux funzjonabbli u allura permezz ta’ dawn it-taħdidiet u permezz ta’ dan il-ftehim, ħa nkunu nistgħu mmexxu wkoll dan il-proġett tant importanti.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo, qal li l-għodda li għandha bżonn il-Libja hija l-edukazzjoni u dik hija xi ħaġa li Malta tista’ toffri.
Qal li dan imur id f’id mal-politika Maltija ta’ newtralità u paċi fil-Libja, u b’dan il-mod Malta se toffri esperjenzi ta’ taħriġ biex il-Libja jkun pajjiż ta’ paċi mmexxi mil-Libjani għal-Libjani.