It-Tlieta waranofsinhar, fil-kapitali Estonjana, Tallinn, ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u l-awtorità Estonjana HAKA.
Il-ftehim, li għandu l-għan li ż-żewġ awtoritajiet jaħdmu aktar flimkien, inkluż fi proġetti internazzjonali, u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’diversi oqsma, ġie ffirmat minn Dr Rose Anne Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFHEA, u Dr Heli Mattisen, Direttur ta’ HAKA.
Preżenti wkoll, fost l-oħrajn, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja, Dr Kenneth Vella, u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Matthew Vella.
Delegazzjoni ta’ uffiċjali edukattivi Maltin tinsab f’dan il-pajjiż fit-Tramuntana tal-Ewropa li, skont l-aħħar indiċi internazzjonali magħruf bħala PISA, ġie kklassifikat l-ewwel fl-edukazzjoni fl-Ewropa u fost l-aqwa tmienja fid-dinja.
Iż-żjara minn delegazzjoni Maltija serviet ukoll biex tiġi diskussa t-transformazzjoni li għaddejjin minnha ż-żewġ pajjiżi fl-edukazzjoni, inkluż bl-Istrateġja Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 li tħabbret riċentament f’pajjiżna, l-użu tat-teknoloġija diġitali, it-taħriġ tal-edukaturi, l-appoġġ lit-tfal qabel waqt u wara l-ħin tal-iskola u anki l-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-iskejjel.
L-Ambaxxatur Malti stqarr li ż-żjara u l-ftehim milħuq jikkonfermaw ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi u l-koperazzjoni kontinwa fil-qasam edukattiv milħuqa fl-aħħar snin.
Dr Vella fakkar f’MOU ieħor, li ġie ffirmat bejn il-MEDAC, fl-Università ta’ Malta, u l-Iskola tad-Diplomazjija Estonjana ftit xhur ilu, l-introduzzjoni tar-riżors 99math f’pajjiżna, il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Tartu u dik Maltija u diversi żjarat minn edukaturi Maltin fil-belt ta’ Parnu u ta’ edukaturi Estonjani f’Malta.
Tenna li aktar inizjattivi bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż fil-qasam turistiku, dak sportiv, kulturali u gastronomiku, mistennija jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.