L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA u Jobsplus iffirmaw ftehim intiż li jkompli jsaħħaħ l-isforzi konġunti biex jinħolqu ambjenti tax-xogħol aktar siguri u b’saħħithom f’Malta.
Dan il-ftehim jiffoka fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ speċjalizzat u l-integrazzjoni ta’ prattiċi ta’ saħħa u sigurtà mill-bidu tal-proċess tal-impjieg.
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm mill-Ministru responsabbli mir-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ministru responsabbli mix-Xogħol Byron Camilleri.
Il-Kap Eżekuttivi tal-OHSA u Jobsplus ikkummentaw dwar dan il-ftehim.
“Ikollha aktar viżibilità tal-impjiegi ġewwa Malta u tal-ħaddiema ġewwa Malta. B’din l-informazzjoni, imbagħad inkunu nistgħu naslu għand il-ħaddiema b’mod aktar dirett.”
Josianne Cautajar – Kap Eżekuttiv tal-OHSA
“F’dan l-MOU qegħdin insaħħu l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet partikolarment fejn jidħol tqassim ta’ data, li aħna jkollna bħala Jobsplus li tkun utli għall-OHSA biex tkun tista’ tagħmel il-ħidma tagħha.”
Celia Falzon – Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus
Il-Ministru Attard qal li dan huwa ftehim ieħor li daħlet għalih l-OHSA, li jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
Il-Ministru Camilleri semma li l-aġenzija Jobsplus tgħin mhux biss klijenti fis-settur privat iżda anke dawk fis-settur pubbliku sabiex jinkisbu riżultati aħjar għal benefiċċju tas-soċjetà.