Ftehim iffirmat bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u s-soċjetajiet mużikali fin-Naxxar se jissarraf f’aktar investiment fl-aspett kulturali tal-baned.
Ir-rappreżentanti tas-soċjetajiet mużikali spjegaw li l-każini tal-banda saru postijiet li joffru t-tagħlim tal-mużika, u fejn il-kultura, l-arti u t-tradizzjonijiet, jimirħu.
Dan il-ftehim se jgħin ukoll biex il-baned ikollhom identità aktar moderna u turistika.
Edward Azzopardi, il-President tas-Soċjetà Mużikali Peace, spjega ma’ dan l-istazzjon l-investiment li se jsir f’kull sala tal-każin.
Qal, “Ħa nkunu qegħdin ninvestu f’apparat ġdid, per eżempju investiment fil-kappella, fis-sala tal-mużew biex ikun hemm dawl adegwat museum lighting, display tables, ħa nixtru apparat ġdid ukoll bħala captioning anki għall-affarijiet kemm b’captioning tradizzjonali kif ukoll anki QR Codes biex nilħqu l-iktar udjenza possibbli.”
Daniel Vella, il-Viċi-President tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja qal li se jsir investiment f’apparat professjonali.
Spjega, “Bħalissa, il-każin tagħna għaddej minn ristrutturar sħiħ biex il-binja tilqa’ aktar nies li għandhom x’jaqsmu b’mod kulturali u artistiku so dan il-proġett se jkun qiegħed jgħin biex inġibu dawn l-assets, ħa ngħidulhom hekk, fil-binja tagħna u nkunu aktar professjonali.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li b’dan il-ftehim qed ikun assigurat li l-kultura u t-turiżmu f’pajjiżna jimxu id f’id ’il quddiem.
Qal, “Il-ftehim tal-lum se jkun qed jara li nkomplu ninvestu fin-Naxxar sabiex b’hekk naraw li iżjed lokalitajiet f’Malta jkunu jistgħu joffru ħafna iżjed mill-karatteristiċi uniċi tagħhom u awtentiċi li jgħinu kollha kemm huma fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.”