Ġie ffirmat ftehim importanti bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Dan il-ftehim jiffoka fuq l-oqsma tax-xjenza u l-innovazzjoni, żewġ setturi imporanti ħafna għal pajjiżna.
Il-ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ewlenin tal-pajjiż hu bbażat fuq ir-rieda tal-partijiet li jikkoperaw flimkien ħalli studenti tal-Kulleġġ ikollhom l-opportunitajiet ta’ apprentistat u esperjenza ta’ xogħol fl-Esplora.
Il-ftehim jara ukoll li jkompli joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST, fejn se tkompli tiżviluppa r-relazzjoni b’saħħitha bejn dawn iż-żewġ entitajiet, filwaqt li jkompli jinkoraġġixxi aktar żgħażagħ jagħżlu suġġetti tax-xjenza. Il-ftehim se jgħin ukoll lill-istudenti biex jiżviluppaw professjonalment u personalment.
Iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, qal li jinsabu kommessi li joffru esperjenzi ta’ xogħol għal studenti.
Qal, “Għaldaqstant jinfetħu bibien ta’ opportunitajiet li l-MCST qiegħed joffri lill-istudenti tal-MCAST, lill-edukaturi tal-MCAST, lir-riċerkaturi biex huma wkoll ikollhom parti integrali mill-programmi ta’ fondi li MCST toffri.”
Id-Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-MCAST, Tatjna Chircop, qalet li, b’din il-kollaborazzjoni, il-Kulleġġ se jkompli jagħti s-sehem tiegħu biex tissaħħaħ l-inizjattiva li jippromwovu x-xjenza u r-riċerka.
Stqarr, “Il-ftehim l-ewwelnett hu l-parti uffiċjali. Ilna ħafna naħdmu mal-MCST. Għall-istudenti tal-MCAST dan ifisser li se jkollhom opportunitàjiet li kemm jagħmlu l-work base learning tagħhom, jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol fl-MCST u anke l-Esplora, kif ukoll opportunitajiet u possibbiltajiet li jagħmlu riċerki mal-industrija relatata max-xjenza, ngħidulha STEM.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li dan li ġie ffirmat jagħti importanza lill-aspett prattiku biex jimxi paripassu mal-istudji tal-istudenti. Hawn spjega li dan hu importanti ħafna, għax ikompli jifforma bis-sħiħ il-perkors tal-istudent.
Min-naħa tiegħu Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, spjega kif dan il-ftehim se jkompli jisfrutta l-potenzjal tal-istudenti u fl-istess ħin jattira aktar studenti lejn is-suġġetti tax-xjenza.