L-Iskejjel tal-Knisja u l-Unjin tal-Għalliema (MUT) iffirmaw il-ftehim kollettiv tal-edukaturi li jaħdmu fl-Iskejjel tal-Knisja wara xhur ta’ negozjati. Il-ftehim hu validu għal ħames snin, bejn l-2023 u l-2027. L-iffirmar, li sar illum fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, kien ippresedut mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Minn dan il-ftehim kollettiv qed jibbenefikaw madwar 3,200 edukatur li jaħdmu fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u fil-55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex.
Huma bdew jibbenefikaw minn żieda sostanzjali fis-salarju b’reviżjoni fil-gradi tas-salarju tagħhom, allowances imtejba u kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol. Dan il-ftehim, filwaqt li jassigura li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-impjegati, iħaddan u jirrispetta b’mod partikolari l-identità speċifika ta’ kull skola tal-Knisja li jaħdmu b’mod awtonomu iżda f’parametri regolati.
Il-ftehim isostni li kull skola tal-Knisja għandha l-ethos tagħha li jirrifletti il-viżjoni tal-fundatur tagħha, filwaqt li taqsam l-istess valuri Kattoliċi ewlenin bħala parti minn settur edukattiv wieħed. Is-superjuri maġġuri tal-ordinijiet reliġjużi, retturi, diretturi, prinċipali u kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja taw il-kontribut tagħhom sabiex jintlaħaq qbil fuq dawn l-aspetti.
Dan il-ftehim kollettiv hu mibni fuq il-ftehim settorjali ffirmat mill-MUT u l-Gvern f’Lulju 2024.