Ġie iffirmat ftehim bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST sabiex iż-żewġ naħat jaħdmu flimkien u jsaħħu s-servizzi rispettivi tagħhom.
Permezz tal-ftehim, l-istudenti tax-xjenza applikata fl-MCAST ser jkunu jistgħu jaħdmu id f’id mal-esperti fis-settur waqt l-istudji tagħhom.
Minn naħa l-oħra, dawk li diġà jaħdmu fil-qasam jkollom aċċess għall-ideat ġodda u riċerka li tkun qed issir mill-istudenti.
Id-Direttur tal-Istitut tax-Xjenza Applikata fl-MCAST, Paula Grech Bonnici spjegat dak li ser isir possibbli grazzi għal dan il-ftehim mal-ERA.
“Ħalli l-expertise tan-nies akkademiċi tagħna kif ukoll l-expertise on the field inkunu nistgħu nagħmlu korsijiet aħjar u nagħtu esperjenza aħjar lill-istudenti tagħna bħal per eżempju inżidu forsi apprentistat, internships u esperjenzi tax-xogħol.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino stqarret kif l-ftehim ser ikompli jeduka liċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ deċiżjonijiet aktar konxji.
“Għalfejn nagħżlu dawn it-tip ta’ istituzzjonijiet, għaliex huwa mezz ta’ kif nilħqu aktar nies. Jiġifieri inti l-edukazzjoni hija primarjament importanti biex inti tkun qed tagħmel dawk l-għażliet li tagħmel normali b’mod aktar mgħarraf allura b’inqas impatt fuq l-ambjent.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia innota it-tliet għanijiet li ser ikun qed jilħaq dan il-ftehim filwaqt li l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima tenna kif dan huwa tip differenti ta’ investiment li jolqot direttament il-kwalità tal-edukazzjoni li jirċievu l-istudenti fl-istituzzjonijiet.