Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ppresedew l-iffirmar ta’ ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Grazzi għal dan il-ftehim, binja tal-Gvern fejn preżentament hemm inkorporati l-uffiċini tal-Kunsill Lokali kif ukoll tlett imħażen biswit, se jgħaddu formalment f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-ftehim huwa ieħor minn sensiela ta’ devoluzzjonijiet li saru din is-sena lil diversi Kunsilli Lokali fosthom dawk ta’ Birżebbuġa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Kompla jgħid li issa anke l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ se jkun qed jibbenefika minn skema ġdida ta’ capping fuq il-kirja annwali tal-art ta’ €500 biss fis-sena. “Mill-aspett finanzjarju, l-iskema ta’ capping li ħabbarna fil-bidu ta’ din is-sena qed tkun ukoll ta’ għajnuna kbira sabiex il-flus li l-Kunsilli qed jiffrankaw mill-kirjiet, jiġu utilizzati fi proġetti u servizzi għall-istess lokalità,” tenna l-Ministru.
Huwa faħħar il-ħidma li waslet għal din id-devoluzzjoni u kompla jgħid kif flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet se jkomplu jassistu lill-Kunsilli Lokali biex jinvestu fit-tisħiħ tal-operat tagħhom għall-ġid tal-komunità. “Fejn hemm art pubblika li tista’ tiġi utilizzata mill-Kunsill għall-benefiċċju tar-residenti, qed nilqgħu t-talbiet, niddiskutu u naraw kif dan iseħħ fl-iqsar żmien,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif ftehim bħal dan qed jirrikonoxxi aktar l-irwol tal-Kunsilli Lokali fi ħdan il-komunitajiet tagħna. Sostniet kif permezz ta’ din id-devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Kunsill Lokali ser ikun jista’ jagħmel estensjoni tal-binja eżistenti tal-Kunsill Lokali.
“Permezz tal-Kunsilli Lokali ser nibqgħu naħdmu sabiex il-komunitajiet tagħna jħossuhom aktar parteċipi fil-ħajja ta’ kuljum fil-lokalità rispettiva tagħhom. Iżda fuq kollox dan it-trasferiment ser iservi sabiex il-Kunsill Lokali tassew ikun il-Gvern Lokali fil-qalba tal-komunità hekk kif fuq din l-art issa l-poplu Żebbuġi ser ikollu uffiċini tal-Kunsill Lokali akbar u b’hekk jista’ jitjieb is-servizz mogħti lill-istess komunità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri qal li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jiżviluppa ċentru ċiviku li barra li jospita l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, huwa pjanat li jiġu provduti wkoll is-servizzi ta’ berġa tas-saħħa, pulizija tal-komunità u day centre. Il-binja fiha wkoll sala u kmamar li jistgħu jintużaw mir-residenti u għaqdiet tal-lokalità.