Anzjani u żgħażagħ bi sfidi soċjali u bżonn ta’ akkomodazzjoni alternattiva se jibdew jgħixu f’binja li hija l-ewwel tat-tip tagħha fil-gżejjer Maltin.
Dan hu l-ewwel proġett ta’ housing interġenerazzjonali f’pajjiżna li se jsir f’binja li sa ftit tax-xhur ilu kienet fi stat ta’ abbandun fil-parti t’isfel tal-Belt Valletta, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid Mckay.
Huwa qal, “Din l-istes binja, dawn it-23 unit jinqasmu għall-anzjani li qegħdin fuq il-waiting list u żgħażagħ li qegħdin jinagħtaw mentoring min-naħa tas-Salesjani nnifishom.”
Filwaqt li jindirizza s-solitudni, pjaga ewlenija fost il-popolazzjoni anzjana li ddgħajjef is-saħħa mentali, dan il-programm jgħin biex tinbet komunità u jwitti t-triq taż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti.
F’dan il-programm l-Awtorità tad-Djar qed tikkollabora mal-Ordni tas-Sależjani. Fil-fatt membri mill-ordni se jkunu qed isegwu liż-żgħażagħ fil-programm biex filwaqt li jikkontribwixxu fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità jindirizzaw l-isfidi tagħhom u jiksbu l-ħiliet neċessarji għall-ħajja awtonoma u indipendenti.
Il-Ministru Galdes sostna: “Taħt it-tmexxija tal-ordni tas-Salesjani se nkunu qegħdin naħdmu sabiex dan il-proġett jimxi ‘l quddiem u anki ntejbu l-ħajja tagħhom. L-idea hija li fil-parti l-komuni tal-binja tintuża bħala żona ta’ rilassament u ta’ tagħrif.”