Intlaħaq ftehim bejn l-Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians u l-Malta Futsal Association, liema ftehim intlaħaq bl-intervent tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius.
Il-kuntratt ta’ tliet snin li kellha l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal mal-istess Assoċjazzjoni Sportiva Hibernians skada fi tmiem l-aħħar staġun u ż-żewġ partijiet ma kienux qablu sabiex l-istess kuntratt jerġa’ jiġġedded. Kien għalhekk li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal, anke bl-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari Agius u SportMalta, pruvaw isibu faċilità alternattiva, liema tentattivi ma nltaħqux, bl-unika alternattiva jibqa’ l-padiljun tal-Hibernians f’Kordin.
B’rieda tajba mill-partijiet kollha ġie mfassal kuntratt ġdid, bi klawżoli ġodda, u ntlaħaq ftehim bl-istess timijiet ta’ Hibernians ikollhom ifittxu faċilitajiet alternattivi għat-taħriġ tal-basketball. Il-kuntratt attwali jorbot liż-żewġ partijiet għal tliet snin. Tajjeb wieħed isemmi li l-logħob tal-istaġun 2016/17 ser jkun fil-padiljun ta’ Kordin u fil-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu imbagħad il-kampjonat 2017/18 ser jintlagħab kollu fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.
L-ewwel impenn għal dan l-istaġun tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal tkun is-Super Cup bejn Valletta u Luxol li tintlagħab fil-11 ta’ Novembru.
Intant il-Gvern huwa impenjat sabiex fiż-żmien li ġej anke l-Futsal ikollu l-faċilità tiegħu.