Ftehim ta’ code sharing bejn l-Air Malta u l-Qatar Airways se jara li passiġġieri tal-Air Malta issa jistgħu jivjaġġaw fuq titjirijiet tal-linja tal-ajru Qatar Airways.
L-Air Malta qalet dan fi stqarrija hekk kif spjegat li dan il-ftehim se jżid il-konnettività ta’ Malta ma’ destinazzjonijiet ġodda, fosthom lejn il-kapitali tal-Qatar, Doha.
Il-Ministru responsabbli mill-Air Malta Silvio Schembri fisser dan il-ftehim li se jibda mid-disgħa ta’ Marzu bħala wieħed importanti għal klijenti tal-Air Malta li jistgħu jaqtgħu biljetti għal destinazzjonijiet mbiegħda fuq il-pjattaforma tal-linja tal-ajru nazzjonali.
“Permezz ta’ dan il-ftehim issa ħa nkunu qed naraw kif il-pubbliku tramite l-website tal-Air Malta jkun jista’ japplika b’mod dirett għal flights ġodda li joperaw tramite Qatar Airways. Fosthom għandna l-Middle East, l-Africa, qed naraw issa s-suq tal-Awstralja u s-suq Asjatiku.”
Il-Ministru Schembri qal li dan il-ftehim ta’ code sharing mal-Qatar Airways se jfisser dħul ġdid għall-Air Malta.
“B’dan il-ftehim l-Air Malta ħa tkun qed idaħħal revenue stream ġodda minn fuq it-tickets li jinqatgħu minn fuq il-website tagħhom direttament.”