Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għall-iffirmar ta’ ftehim bejn Aġenżija Sapport u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Agius Decelis sostna li dan il-ftehim huwa pass ieħor biex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet fl-aħjar interess ta’ persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva stqarr illi “bis-saħħa ta’ din ir-relazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-aġenzija li tipprovdi s-servizzi għal persuni b’diżabilità u l-Università li hija l-fulkrum tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna, ser inkunu qegħdin inkomplu ntejbu u nsaħħu l-kwalità tas-servizzi li nipprovdu lil persuni b’diżabilità u s-sapport u s-sostenn li noffru lil qraba taghhom”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Joseph Cini rrefera lejn dan il-ftehim bħala żvilupp importanti fil-qasam tad-diżabilità għaliex ser ikun qed jippermetti li l-aġenzija nazzjonali twassal servizzi u proġetti pjanati fuq evidenza lokali u r-realtajiet attwali għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità. Dan ifisser ukoll li dan is-settur ser ikun qed jingħatalu l-attenzjoni akkademika u xjentifika li jixraqlu. Cini żied ukoll li din il-kollaborazzjoni se tkun qed issaħħaħ l-istruttura biex studenti universitarji jagħmlu esperjenza ta’ placements fi ħdan l-Aġenzija Sapport bħala parti mill-istudji tagħhom.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred J Vella tkellem fuq il-valur ta’ kollaborazzjoni bħal din għax tqarreb l-Università ta’ Malta lejn il-komunità. Vella tkellem fuq kollaborazzjoni li hija bbażata fuq il-ħiliet tar-riċerka li jissieħbu mal-passjoni għas-settur tad-diżabilità u mal-opportunità t’aċċess għal min jeħtieġ li ssir ir-riċerka miegħu jew magħha.
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi stqarr li matul dawn l-aħħar sentejn il-Fakultà għamlet kollaborazzjonijiet li jiswew l-elufijiet kbar biex issir riċerka, isir taħriġ għall-istudenti u sabiex jinżamm djalogu miftuħ mas-settur. Azzopardi insista fuq l-importanza li l-persuni jinżammu fiċ-ċentru tad-deċizjonijiet u l-ħidma fis-settur.
Agius Decelis irringrazzja lil dawk kollha illi jaħdmu bi sħiħ sabiex pajjiżna jkompli jsaħħaħ is-settur tad-diżabilità.