B’investiment ta’ aktar minn €5 miljun, ġie ffirmat ftehim bejn Aġenzija Sapport u Dar il-Kaptan li permezz tiegħu se jkunu koperti żewġ servizzi ta’ importanza kbira għar-residenti.
Dan il-ftehimm li hu validu għal tliet snin, se jkollu erba’ miljun u mitejn elf ewro (€4.2 miljun) ddedikati għas-servizz ta’ respite residenzjali u aktar minn tmien mija u ħamsa u sittin elf ewro (€865,000) għar-respite ta’ matul il-jum.
Dan se jfisser żieda ta’ aktar minn tmien mija u ħamsin elf ewro (€850,000) mill-ftehim ta’ qabel li kien iffirmat fl-2021, fejn dawn il-fondi jkopru wkoll il-pagi tal-impjegati, taħriġ, trasport għall-persuni b’diżabilità u superviżjoni.
Fil-preżent, dan is-servizz qed jilħaq 223 persuna b’diżabilità, bis-servizz residenzjali hu disponibbli kemm bi pjan kif ukoll f’każijiet ta’ emerġenza.
Persuni b’diżabilità li jistgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz jinkludu tfal, żgħażagħ u adulti, fejn qabel ma persuna tibda tagħmel użu minn dan is-servizz, din ser ikollha ċ-ċans li tqattà xi ħin f’Dar il-Kaptan matul żjara ta’ orjentazzjoni.
F’kummenti li tat il-MInistru għall-Inklużjoni Julia Farrugia semmiet kif dan kollu qed isir b’appoġġ għax-xogħol li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità madwar pajjiżna.
“Ir-respite huwa kruċjali. Huwa l-punt fejn il-ġenituri, l-care givers, jerġgħu jieħdu dik l-enerġija li għandhom bżonn sakemm it-tifel jew tifla tagħhom ikun għal dak il-perjodu ta’ mistrieħ f’Dar il-Kaptan. Rajna li tul dawn is-snin, is-servizz kompla jiġbed l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin, u kien ta’ pjaċir għalina bħala Gvern illi nżidu dan l-appoġġ ta’ kważi nofs miljun ewro biex issa dan il-ftehim illi jitla’ għal aktar minn ħames miljun ewro, qed ikompli jgħin aktar familji.”
JULIA FARRUGIA
Is-servizz ta’ respite matul il-jum se jkun qed jgħin 15-il persuna b’diżabilità, bi programm strutturat bi programmi inkluż dwar għajxien indipendenti sabiex jiffaċilita l-inklużjoni tagħhom fil-komunità.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu qal li dan il-ftehim sar l-ewwel darba fl-2015 ma’ Dar il-Kaptan, u li issa qed jiġi mġedded għax huwa wieħed importanti ħafna.
“Huwa ftehim importanti ħafna u essenzjali għall-ġenituri tat-tfal b’diżabilità minħabba li joffri servizzi ta’ respite għal dawn it-tfal u allura jagħti dak is-serħan tant meħtieġ lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal sabiex inkomplu bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”
MARK MUSU
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna u ċ-Chairperson tal-Foundation for Respite Care Services għal Dar il-Kaptan Martin Saliba.