Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni bejniethom, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà pubblika u jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ rispons għall-emerġenzi.
Dan il-memorandum of understanding se jara lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma timpenja ruħha li tinstalla u żżomm l-idranti tan-nar f’postijiet strateġiċi f’diversi lokalitajiet li jistgħu jiġu operati mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li din tipprovdi taħriġ essenzjali fit-tifi tan-nar u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Stqarrija mill-Gvern qalet li dan il-ftehim hu pass sinifikanti biex jiġi żgurat li ż-żewġ entitajiet jappoġġjaw lil xulxin b’mod effettiv biex jipproteġu lill-pubbliku.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, li kienet preżenti għall-iffirmar flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qalet li bil-ftehim se tiġi assigurata s-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna f’każ ta’ emerġenza.
“Huma kollaborazzjonijiet bħal dawn li jagħtuna sodisfazzjon, għax naraw lill-entitajiet tagħna jaħdmu flimkien għall-ġid komuni.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li fil-pajjiż issa se jkollna water hydrants f’diversi postijiet biex, f’każ ta’ emerġenza f’post partikolari, ikollna l-provvista tal-ilma kemm jista’ jkun viċin.
“B’dan il-mod qegħdin verament nagħtu aktar serħan il-moħħ lin-nies u anke jkollna Malta li tkun aktar ippreparata u Malta aktar sigura.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-ftehim, u qal li l-entitajiet flimkien, mhux biss qed itejbu l-infrastruttura, iżda qed jiġu mħarrġin bil-ħiliet meħtieġa biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenzi b’mod effettiv.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li sar eżerċizzju biex jiġi installat fire hydrant f’kull lokalità biex, f’każ ta’ bżonn, fire-engine, flok tmur fi stazzjon, tieħu l-ilma minnu fl-iqsar żmien possibbli.
L-MOU se jibda b’mod immedjat u jibqa’ fis-seħħ għal terminu inizjali ta’ sentejn, bi provvedimenti għal tiġdid awtomatiku.