Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea laħqu ftehim dwar kif ir-regoli fil-ftehim ta’ Brexit se jiġu implimentati, b’mod partikolari dwar l-Irlanda ta’ Fuq.
Il-Gvern Ingliż qal li fil-prinċipju nstab qbil għal kwistjonijiet fosthom dwar il-kontrolli tal-fruntieri u l-provvista ta’ mediċini, u se jirtira l-klawsoli kontroversjali fl-Abozz tas-Suq Intern. Madanakollu, in-negozjati biex jintlaħaq ftehim kummerċjali wara Brexit għadhom għaddejjin.
Minkejja li d-dettalji tal-ftehim ma ġewx ippubblikati huma mistennija li jiġu approvati fil-jiem li ġejjin.
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Irlandiż laqa’ din l-aħbar u esprima t-tama li dan il-progress ikun ifisser momentum pożittiv għar-Renju Unit.