Imnedija skema ta’ skambji bejn l-iskejjel u l-komunità bil-għan li tiffaċilita azzjoni sostenibbli mibdija miż-żgħażagħ fil-komunità. L-iskema hija maħsuba biex tappoġġa finanzjarjament l-istituzzjonijiet post-sekondarji li jipparteċipaw fil-programm EkoSkola fil-pjan tagħhom biex ifasslu proġetti oriġinali u innovattivi mmirati lejn il-komunità biex jippromwovu prattiċi sostenibbli.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn l-għaqda Nature Trust u l-Kunsill Malti għall-Volontarjat, il-President ta’ Nature Trust, Vince Attard, qal li dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-volontarjat:
“L-idea hi li ż-żgħażagħ nagħtuhom iktar materjal biex huma jsiru iktar responsabbli, nagħtuhom empowerment b’dan il-proġett. Ikunu jistgħu jsiru attivi anke fil-volontarjat u jġibu bidla huma stess, għax wara kollox iż-żgħazagħ futuri ta’ pajjiżna li se jieħdu d-deċiżjonijiet”.
Permezz ta’ din l-iskema se jitħarrġu iżjed żgħażagħ biex ikunu jistgħu joħorġu b’ideat u skemi ta’ żvilupp sostennibbli:
“Li rridu naraw hu li ż-żgħażagħ nagħtuhom aktar għarfien kif wieħed jista jwaqqaf għaqda, jista jġib żgħazagħ flimkien biex jaħdmu flimkien ħalli jtejbu l-kwalità tal-ħajja u anka tan-nies ta’ madwarhom”.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima sostna kif dan huwa pass pożittiv hekk kif iż-żgħażagħ qed jutilizzaw l-għodda li qed jingħataw:
“Wieħed jispera li dan it-tip ta’ proġett u dan it-tip ta’ ftehim ikun jista jagħti aktar benefiċċju lit-tfal tagħna u t-triq ‘l quddiem se tkun li nkomplu ninsistu sabiex it-tfal tagħna ntuhom l-għodda neċessarji sabiex ikollhom l-għarfien kollu neċessarju dwar dak li huwa żvilupp sostenibbli”.