Il-Fond tar-Riċerka l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan l-Università ta’ Malta flimkien mal-kumpanija Evolve iffirmaw ftehim li se jagħti r-riżorsi meħtieġa sabiex dan il-fond iħejji r-riċerki tiegħu fil-qasam tal-elettromanjetika.
Fl-Università ta’ Malta ntqal kif dan il-fond, li sa issa ħejja ħamsa u sittin proġett ta’ riċerka, dejjem jiċċelebra passi kbar li għamel, u dan il-ftehim ma kienx eċċezzjoni.
Preżenti għall-ftehim kien hemm il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, li sostna dwar l-importanza ta’ għaqda bejn il-kummerċ u r-riċerka.
Huwa qal kif inċentivi bħall dawn mill-privat dejjem se jsibu l-appoġġ tal-Gvern u kif din l-inizjattiva għandha tkun ukoll mudell għall-kumpaniji oħra.
Huwa qal, “Hekk għamlet kumpanija privata li jisimha Evolve Limited li daħlet fi ftehim ma’ dan il-fond tal-Università biex fuq bażi ta’ tliet snin tagħti fondi li jintużaw fil-qasam tar-riċerka elettro-manjetika. Aħna bħala Gvern nissapportjaw dawn it-tip t’inizjattivi għax huma kruċjali biex inkomplu fil-vjaġġ tagħna lejn prosperità ġdida.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond, Wilfred Kenely laqa’ dan il-ftehim b’sodisfazzjon u rringrazzja lil kull min kien involut fil-ftehim għall-kontribut tiegħu.
Huwa spjega: “Lilna jtina sodisfazzjon kbir, lilna bħala RIDT u lilna bħala l-Università. U allura dan għandu jkun mod kif l-industrija lokali permezz tal-programmi ta’ responsabilità soċjali tagħhom, jappoġġjaw lill-Università billi jiffinanzjaw gruppi ta’ riċerka ħalli jkunu jistgħu joħorġu b’ideat ġodda.”
Intant, id-Direttur Maniġerjali ta’ Evolve sostna li l-kumpanija hija kburija li se tifforma parti minn dawn il-proġetti ta’ riċerka fit-tliet snin li ġejjin u appella lill-kumpaniji oħra biex jieħdu passi simili hekk kif ir-riċerka hija l-mutur li tmexxi lil Malta lejn il-progress.
Busuttil Delbridge sostna: “Evolve minn dejjem appoġġjat mhux biss ir-riċerka imma affarjiet t’impatt fis-soċjetà Maltija. Aħna dejjem nagħmlu żewġ affarjiet differenti, dawk li għandhom impatt immedjat, jiġifieri li jtuna xogħol ta’ kuljum, u dawk li se jtuna xogħol għada, jiġifieri kif se nagħmlu Malta aħjar biex noħolqu aktar opportunitajiet għalina.”
Il-Malta Enterprise ukoll appoġġjat dan il-ftehim li jkompli jinkoraġġixxi iżjed kollaborazzjoni bejn l-industrija u d-dinja akkademika.