Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli flimkien mal-Fondazzjoni Caritas u l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma ffirmaw ftehim li permezz tiegħu se igawdu direttament bosta familji fil-bżonn.
Permezz ta’ dan il-ftehim se jiġu identifikati numru ta’ familji fil-bżonn li se jiġu mgħejjuna sabiex inaqqsu l-konsum tal-ilma tagħhom. Dan permezz ta’ teknoloġiji aktar ġodda u effiċjenti u anke tibdil ta’ infrastruttura bħal pajpijiet antiki fid-djar.
L-għajnuna titla’ sa massimu ta’ €5,000 għal kull familja.
F’konferenza tal-aħbarjiet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega kif minn dan il-proġett se jkun qiegħed igawdi l-pajjiż kollu hekk kif it-tnaqqis tal-ħela tal-ilma huwa meħtieġ.
Intant, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli sostniet li dan il-ftehim huwa frott diskussjonijiet kontinwi mal-Caritas, fejn minnhom ħarġu numru ta’ rekomandazzjonijiet ta’ kif il-Ministeru jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ familji fil-bżonn.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt irringrazzja lill-Ministeru għall-koperazzjoni kontinwa filwaqt li tenna s-sodisfazzjon għas-suċċess tad-diskussjonijiet li seħħew mal-Gvern.