Fiċ-Ċentru tal-Komunità f’San Blas ġie mġedded ftehim soċjali ieħor għat-tliet snin li ġejjin, sabiex din l-entità tal-Knisja Maltija tkun tista tkompli bl-operat tagħha fid-djar ta’ rijabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga fi ħdan il-Caritas.
Dan il-ftehim sinifikanti għal-Caritas ilaħħaq is-somma rekord ta’ erba’ miljun u mitejn elf ewro li se jgħin sabiex iservi ta’ stimolu għal dawk il-persuni li jixtiequ jibdlu ħajjithom u jerġgħu iqumu lura fuq saqajhom u fl-istess waqt jerġgħu jingħaqdu ma’ dawk l-aktar qrib tagħhom, filwaqt li jsibu stabbilità fid-dinja tax-xogħol.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt semma l-fatt li nofs il-ħaddiema li jaħdmu mal-Caritas, xi darba kienu huma nfushom li abbużaw minn xi sustanza, imma wara li gradwaw u ħarġu mill-problema tad-droga, illum qed jaħdmu għal nies oħrajn bl-istess sfida.
Dan il-ftehim se jiggarantixxi l-użu ta’ tnejn u erbgħin sodda u sessjonijiet terapewtiċi ta’ sebat elef u ħames mitt siegħa fis-sena.
Qal, “Hawnhekk qed naraw tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-Knisja u l-istat, ovvjament il-Caritas bħala entità tal-Knisja u l-istat permezz ta’ dan il-finanzjament, il-kuntratt huwa għal tliet snin, jiġifieri b’hekk inkunu nistgħu nippjanaw ftit iktar bil-quddiem, qed nitkellmu għall-finanzjament għall-operat ta’ ħames servizzi li fihom kull sena naraw madwar elf u mitejn persuna, jiġifieri 700 persuna li jersqu għall-għajnuna u ftit ’il fuq minn 500 qarib li bħala familja ukoll ikunu qed ibatu minn din is-sitwazzjoni.”
I-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon enfasizza li dan il-ftehim huwa intiż sabiex jingħata iktar appoġġ lil klijenti rġiel u nisa li jkunu jridu jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni.
Qal, “Li jfisser kemm aħna kapaċi naħdmu flimkien, kemm aħna kapaċi nagħmlu social partnerships u kemm aħna kommessi li naraw li ngħinu lil kulħadd. Dan huwa ftehim b’saħħtu ħafna, qed nitkellmu fuq finanzjament għal tliet snin , ta’ 1.4 miljuni ewro, finanzjament nagħmluh bil-qalb. Il-messaġġ huwa wieħed illi hawn min jagħti każ u nagħtu każ kulħadd u hawn ukoll min lest li joħroġ idejh.”