Il-majjiera tal-injam li ttieħdet mill-vapur Calypso li akkumpanja lill-esploratur famuż tal-oċeani, il-Kaptan Jacques Cousteau se tkun waħda mill-esibiti mill-kollezzjoni tiegħu fil-Mużew Marittimu fil-Birgu.
Dan permezz ta’ ftehim ta’ self li ġie ffirmat bejn il-Fondazzjoni Cousteau u Heritage Malta fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta qal li l-Kaptan ħoloq rabta interessanti ma’ Malta meta uża l-vapur Calypso biex jakkumpanjah tul il-vjaġġi avventurużi tiegħu f’qiegħ il-baħar. Cousteau pproduċa aktar minn 120 film, iżda jibqa’ l-aktar magħruf għas-sensiela “The UnderSea World of Jacques Costeau”.
Noel Zammit il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta qal: “Dawn kien jagħmilhom minn fuq dgħajsa li kien xtraha minn Malta, semmiha filfatt ukoll Calypso.”
Il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici qal li majjiera tal-injam li ttieħdet mill-vapur Calypso se tingħata lil Heritage Malta biex tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta.
Qal li dan il-ftehim, se jgħaqqad il-patrimonju marittimu lokali mal-bqija tad-dinja.
Huwa kompla billi qal: “Il-Mużew Marittimu għamel partnership mal-fondazzjoni Coustaeu ifisser li l-Mużew Marittimu se jintefa’ fuq il-mappa dinjija tal-attrazzjonijiet ewlenin f’dan is-settur.”
Diane Cousteau, bint il-kaptan, qalet li tinsab sodisfatta bil-ftehim li sar għaliex l-għeruq tal-esplorazzjonijiet bdew minn Malta.
Diane Cousteau, bint Jacques Cousteau qalet li: “Malta for us it’s kind of like going back to the roots of this story because this is where he found Calypso, this is where she received her name and a name is very important thing for a ship and also I have to say we have found the most enthusiastic, competent, wonderful partners here with Heritage Malta.”
Ic-Chairperson tal-Heritage Malta, Anton Refalo qal li dan il-ftehim jagħti valur kemm lill-kultura Maltija, imma anke lill-poplu Malti.
Anton Refalo, iċ-Chairperson tal-Heritage Malta qal: “Naħseb li dak tal-lum kienet move in the right direction, mossa tajba li ħa nagħmlu pass ‘il quddiem, value added mhux biss għall-Heritage Malta imma għall-kultura ta’ Malta u Għawdex u għall-kultura tal-poplu tagħna.”
Heritage Malta se tospita l-esebizzjoni tal-affarijiet ta’ Cousteau fl-2021 għal 7 snin ladarba jintemmu xogħlijiet strutturali kbar fil-mużew.