Ftehim iffirmat bejn Heritage Malta u l-Fondazzjoni tal-Kon-Katridral ta’ San Ġwann se jassigura li issa din il-ġawhra fil-qalba tal-Belt Kapitali tiżdied mal-lista ta’ siti kulturali li jistgħu jżuru dawk it-tfal u anzjani li għandhom il-passaport kulturali.
Il-ftehim ġie ffirmat waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Il-President tal-Fondazzjoni għall-konkatidral ta’ San Ġwann, is-Sur Wilfred Buttiġieġ spjega li l-Konkatridral m’għandu bżonn l-ebda għajnuna sabiex jattira lin-nies u t-turisti fi ħdanu, madankollu sostna li huwa aktar għaqli li jiftaħ idu għall-kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip sabiex fl-aħħar mill-aħħar itejjeb l-esperjenza ta’ dawk li jżuru din il-ġawhra Maltija.
Filfatt is-Sur Buttigieg spjega wkoll kif permezz ta’ dan il-ftehim, it-tmexxija tal-Konkatidral fost affarijiet oħra, ser tkun qed tuża l-laboratorji li għandha Heritage Malta.
Is-Segretarju Permanenti u d-Direttur ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar saħaq fuq kif dan il-wirt minn żmien il-Kavallieri se jiġi apprezzat minn faxex differenti fis-soċjetà.
Intant il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera li kien preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim mill-aktar importanti, sostna li dan juri wkoll il-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn l-Istat u l-Knisja f’Malta.