Heritage Malta ffirmat Memorandum of Understanding li jġedded dak eżistenti ma’ Friends of Villa Frere u jestendih għal ħames snin oħra biex din l-organizzazzjoni mhux governattiva tkompli tindokra l-villa bl-appoġġ ta’ Heritage Malta.
Fl-aħħar ħames snin, Friends of Villa Frere reġgħet bdiet tagħti l-ħajja lil din il-villa li kienet tħalliet fi stat ta’ telqa u abbandun totali. F’Villa Frere mhux biss intisġu mitejn sena ta’ storja iżda żvolġew ukoll ġrajjiet ta’ filantropija, oħrajn li mexxew ’il quddiem l-ilsien Malti, u oħrajn ta’ sengħa kbira fil-ġardinaġġ li wasslu biex fl-1930 il-ġonna ta’ Villa Frere saħansitra ngħataw ġieħ f’Country Life, pubblikazzjoni prestiġjuża barranija.
Villa Frere nbniet f’Tal-Pietà fil-bidu tas-seklu 19 u kienet ir-residenza ta’ John Hookham Frere, Ingliż li kien diplomatiku, poeta, akkademiku u filantropu. Wara l-mewt ta’ martu fl-1831, fuq in-naħa ta’ wara tal-villa huwa bena ġonna mtarrġa, minn fejn seta’ jgawdi l-veduta mill-Imdina sal-Belt u seta’ jara wkoll iċ-ċimiterju fl-Imsida fejn kienet midfuna martu.
Ix-xogħol ta’ restawr ta’ dawn l-aħħar snin kien iffukat fuq Villa Hay, waħda mill-binjiet li jinsabu fil-ġonna, li kienet tintuża bħala post ta’ rtir minn mart John Hookham Frere. Sar ukoll restawr u bini mill-ġdid tad-Dar tal-Ġennien, setaħ sabiħ li għandu mixtla mkennija b’loġġa tal-ġebel u belveder fuq il-bejt. Ħajt għoli li jifred lil Villa Frere minn proprjetà biswitha ukoll għaddej minn tiswija estensiva. Ħafna mix-xogħlijiet saru mill-volontiera, b’materjali u xogħol speċjalizzat jiġu koperti min bosta individwi privati u entitajiet kummerċjali, flimkien ma’ Heritage Malta. Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ħadet ħsieb tispezzjona x-xogħlijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li, “Il-ħidma tal-volontieri f’dan il-post kienet waħda tassew straordinarja, u tkompli ssaħħaħ il-fehma ta’ Heritage Malta dwar kemm hu imprezzabbli s-sehem tal-volontieri fis-soċjetà tagħna.” Kompla jgħid li fil-fatt “huwa għalhekk li fl-iskema tal-patrunat li nediet dan l-aħħar, Heritage Malta tagħti spazju wkoll lill-volontieri, għax temmen li huma wkoll jistgħu jħallu l-legat tagħhom fl-għajnuna li jagħtu biex jiġi ndokrat il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.”
Fl-aħħar snin Heritage Malta saret is-sidt uffiċjali ta’ din il-proprjetà, iżda lura fl-2019 l-aġenzija għaddiet l-amministrazzjoni f’idejn Friends of Villa Frere, li qed tgħin direttament fil-ħarsien tal-post. Barra minn hekk, fl-2020 Villa Frere u l-ġonna tagħha ġew skedati fi Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan kollu, flimkien mal-ftuħ tal-ġonna għall-pubbliku b’mod regolari, għen biex joktor l-għarfien dwar l-importanza storika u kulturali ta’ Villa Frere.