Il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex, investa kważi mitt elf ewro f’numru ta’ kontenituri tal-iskart li huma aktar sensittivi għall-ambjent, għaliex jaħdmu b’sistema li tippakkja l-iskart mormi fihom.
Dawn il-kontenituri, li jaħdmu permezz tal-elettriku ġġenerat minn pannelli solari li hemm installati fuqhom, jippakkjaw l-iskart mormi fihom malli jimtlew.
Kontenitur jesa’ bejn ħames u tmien darbiet aktar skont l-iskart mormi u l-Kunsill Lokali jkun notifikat meta l-kontenituri jimtlew.
Is-Sindku ta’ Ta’ Xbiex, Max Zammit spjega kif il-Kunsill għandu sistema innovattiva li tagħti l-informazzoni dwar il-livelli ta’ skart li jkun fihom dawn il-kontenturi f’ħin reali.
“Infatti wkoll għandna sistema avvanzat li fl-uffiċċju tal-Kunsill inkunu notifikati li dawn il-bins ikunu mimlijin. Ikun dak il-ħin biss li aħna ninfurmaw lill-kollettur biex ikun jista’ jiġi jbattalhom. Ovvjament dan ifisser inqas trakkijiet iduru madwar Ta’ Xbiex, iktar arja nadifa, ambjent li finalment aħna nħobbu b’indafa fil-lokal.”
Dawn il-kontenturi tpoġġew f’postijiet diversi fil-lokalità, mhux biss f’postijiet iffrekwentati mit-turisti imma anki f’żoni residenzjali u kummerċjali.
Dan il-proġett sar b’fondi Norveġiżi u bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.