Fis-sit magħruf bħala Tas-Silġ f’Marsaxlokk instabu fdalijiet ta’ struttura Neolitika, li kabret b’mod sostanzjali d-daqs tal-art li kien użat f’dan iż-żmien.
Dan tħabbar waqt żjara fis-sit mill-Kap Eżekuttv ta’ Heritage Malta, is-Supretendent għall-Patrimonju Kulturali u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali.
Tas-Silġ huwa meqjus li għandu l-itwal storja ta’ użu fil-gżejjer Maltin, fejn kien użat għal diversi skopijiet primarjament dawk reliġjużi. Fil-fatt ix-xogħol ta’ bħalissa qed isir b’ħidma konġunta bejn Heritage Malta, l-Università ta’ Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Is-Supretendent għall-Patrimonju Kulturali, Kurt Farrugia saħaq kif il-ħidma bejn dawn l-entitajiet hija integrali mhux biss fl-iskavar iżda anki fl-imaniġġjar tas-sit.
Il-Professur Nicholas Vella mid-Diparitment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta nnota kif dan l-iskavar fuq is-sit qiegħed joffri prattika għall-istudenti Universitarji fil-qasam.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit qal kif bħalissa qegħdin jitħejjew pjanijiet għal-ċentru ta’ viżitaturi fis-sit: “Heritage Malta diġà ħejjiet pjanijiet u disinji għal ċentru ta’ viżitaturi, hawnhekk fis-sit Tas-Silġ sabiex nagħmluh aċċessibbli għal pubbliku, ninterpretawh u nagħmlu minnu proġett sostenibbli.”
Il-Ministru għall-Wirt Kulturali rrimarka li x’aktarx is-sit qiegħed ikun maqsum minn nofs minħabba t-triq eżistenti. Allura, innota kif qiegħed ikun suġġerit li din it-triq tiġi ddevjata ħalli jkunu esplorati l-fdalijiet li jkomplu ma’ dan is-sit.
Huwa stqarr: “Huwa importanti illi ssir devjazzjoni tat-triq. Jiena ser inqajjem pressjoni fuqha għaliex il-potenzjal ta’ dan is-sit anki mill-aspett turistiku huwa inkredibbli.”