Din il-ġimgħa, fil-Partit Nazzjonalista, kien hemm ħafna li tkellmu dwar kif il-Kap Bernard Grech kien daħħal fil-Partit lil Chris Peregin u tah wieħed mill-iktar rwoli importanti bħala parti mit-tim tal-istrateġija tiegħu, wara li dan kien parti mill-attakk li sar fuq it-tabib u deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.
Tirrapporta dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li kkwotat sorsi fid-dar Ċentrali li qalulha li, minħabba f’hekk, kien hemm xettiċiżmu kbir fil-Partit Nazzjonalista nnifsu meta Grech bagħat l-awguri tiegħu lill-istess Spiteri appena, aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti Kostituzzjonali sabet li lil Spiteri kienu nkisrulu d-drittijiet tiegħu u ordnat li jitwaqqfu proċeduri kontrih mill-Kunsill Mediku.
Kif inhu diġà pubblikament magħruf, lejn l-aħħar tal-2018 kien hemm investigazzjoni li bdiet mill-Kunsill Mediku wara stejjer fil-konfront ta’ Spiteri. Dawn l-istejjer ħarġu fil-portal Lovin Malta, li dak iż-żmien kien proprjetà ta’ Chris Peregin.
Persuni qrib il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista dejjem sostnew li Peregin kien fost l-aktar li imbottaw din l-istorja. Miegħu kien hemm ukoll nies tal-establishment tal-PN. Iżda dakinhar Bernard Grech ma tantx kien inkwieta għal Spiteri, għax lil dawk l-istess eponenti kien ippremjahom, waqt li lil Peregin tah waħda mill-aktar karigi importanti fil-Partit: dik ta’ strateġista ewlieni.
“Ma tantx ta kas lil min kien poġġa lit-tabib f’nofs l-attakk, anzi ppromwovieh u flimkien ma’ dawk id-deputati li poġġewh (lil Grech) fil-kariga ma tantx kienu ta’ spalla, lanqas, għat-tabib,” qalu s-sorsi tal-KullĦadd fil-kumitati sezzjonali tat-Tieni Distrett, fejn jikkontesta Spiteri.
Huma fakkru wkoll li, waqt li Spiteri kien għaddej minn dan kollu, il-Kap ried ineħħih minn Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa. Fil-fatt, fil-bidu tal-2021 kien sar theddid serju ta’ riżenji minn kumitati sezzjonali li wasslu biex il-parir ta’ Peregin u oħrajn qrib Grech ma jiġix attwat, u Spiteri baqa’ fil-kariga.
Dakinhar Grech ried jagħmel reshuffle li ma rnexxitlux jagħmlu hekk kif kompla joħroġ ċar kif fil-PN Grech jitmexxa u mhux imexxi.