Il-Milied imur lil hinn mid-dawl dekorattiv u t-tiżjin, ftakru f’dawk l-aktar li għandhom bżonn. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Papa Franġisku waqt il-quddies li ssir fil-lejl Qaddis tal-Milied.
Il-Qdusija Tiegħu tenna li kull min ikun indifferenti lejn il-foqra, ikun qed joffendi lil Alla. Fakkar ukoll kif Ġesù Bambin twieled fil-faqar u tenna kif l-għajnuna lil min hu l-aktar fil-bżonn hija ferm aktar importanti minn kwalunkwe status soċjali.
Il-Papa Franġisku qaddes il-quddiesa ta’ nofsilejl fil-Bażilika ta’ San Pietru għal madwar 2,000 ruħ, il-parteċipazzjoni kienet ferm inqas mis-soltu minħabba l-miżuri restrittivi kontra l-COVID-19 li hemm fis-seħħ fl-Italja.
Fil-fatt, minuti qabel ma bdiet il-quddiesa, l-Italja ħabbret numru rekord ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus, li jammontaw għal kważi 50,600 każ.