Lawrence Spiteri ta’ 42 sena tressaq il-Qorti akkużat li hedded l-eks sieħba tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ li allegatament l-imputat kkaġuna biża’ fuq il-vittma, li bagħat messaġġi mhux xierqa u li kiser ordni ta’ trażżin. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, spjegat li s-sieħba għamlet rapport mal-Pulzija, fejn qalet li l-eks sieħeb tagħha kien heddidha u li bagħat lil binha messaġġi bi kliem oxxen.
Fil-Qorti, l-akkużat wieġeb li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Prosekuzzjoni tgħid li temmen li l-akkużat għandu jingħata sentenza sospiża. Min-naħa tagħha d-Difiża ma għamlitx oġġezzjoni u lanqas għamlet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Waqt is-seduta, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia tenniet mal-imputat li minkejja s-sitwazzjoni mhijiex faċli, jrid jagħmel moħħu hemm għaliex relazzjoni mhux dejjem se tirnexxi.
Il-Qorti kkundannat lill-akkużat, sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin u multa ta’ mitejn ewro. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.