Fil-kumpless tal-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, ittellgħet l-ewwel edizzjoni tar-Rallycross f’pajjiżna b’ċirkwit ta’ madwar żewġ kilometri bil-parteċipazzjoni ta’ 35 sewwieq.
Din l-attività saret b’kollaborazzjoni mal-Island Car Club, li ħadet ħsieb il-parti tal-korsa fuq it-tarmak li żdiedet ma’ dik tat-tajn, li normalment tintuża għall-Autocross.
Paul Deguara, li huwa wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività spjega kif id-dinamika tat-trakka tagħmilha aktar diffiċli sabiex wieħed iħejji l-karozza.
Deguara qal, “Ovvjament is-setup huwa diffiċli, iż-żmien kien diffiċli, nafu li għad hemm karozzi li qed jiġu preparati għal dawn it-tip ta’ attivitajiet. Min-naħa tagħna qed naraw li diġà bdejna fuq il-pass it-tajjeb u nixtiequ ovvjament nikkuntentaw u nagħmlu aktar attivitajiet f’dan il-ġeneru.”
F’din l-attività kienet innotata d-diversità tat-tipi ta’ vetturi, minn ‘four by fours’ għal karozzi tad-‘drifting’.
Karl Grima, sewwieq ta’ ‘four by four’ innota kif sewwieqa differenti qed jitrattaw l-isfida tad-tibdil fl-art b’tibdil fil-karozzi.
Grima stqarr, “Bħala setup qed naraw differenza, eżempju hawn karozzi armati bit-tires tat-triq li għat-tarmak huma ħafna aħjar u imbagħad x’ħin jidħlu fuq in-naħa tad-dirt tkun naqra aktar ta’ limitazzjoni. Jeżistu tires li jkunu tajbin għat-tnejn li huma qisu combination.”
Laura Barbaro Sant kienet waħda minn żewġ sewwieqa nisa f’din l-attività u ħeġġet aktar tfajliet jidħlu f’dan l-isport.
Sant qalet, “Overall, it’s exciting għaliex tibda mit-triq, it-tarmak imbagħad tispiċċa fit-tajn. Ninkoraġġihom jiġu għax mhux daqshekk diffiċli jekk tkun tħobb naqra ‘speed’ u taf tikkontrolla l-karozza sew hawn pjaċir.”
Din l-attività mistennija tintemm il-Ħadd f’Ta’ Qali.