Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tħares lejn il-Mediterran bħala reġjun wieħed li jinkludi s-sitwazzjoni bejn Malta u l-Libja, inkluż l-immigrazzjoni u mhux settorjali.
Dr. Abela qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti fl-ewwel jum ta’ Summit Speċjali ta’ jumejn tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
F’dan is-Summit, il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu fost oħrajn il-kwistjoni fil-Lvant tal-Mediterran b’mod partikolari r-relazzjonijiet mat-Turkija u t-tensjoni mal-Greċja u Ċipru dwar il-fruntieri marittimi u r-riżorsi tal-enerġija.
Il-Prim Ministru Malti saħaq li rridu nħarsu b’mod ħolistiku lejn il-Mediterran u nindirizzaw id-diffikultajiet kollha f’dan ir-reġjun.
Qal li aktar milli għandna nimponu sanzjonijiet, l-Unjoni Ewropea trid issib it-triq tal-paċi u tad-djalogu biex b’hekk intaffu ftit mit-tensjonijiet li jeżistu fil-Lvant tal-Mediterran.
Filwaqt li sostna li wieħed jifhem il-pressjoni li hemm fuq il-Greċja u iżjed fuq Ċipru, il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-direzzjoni tal-Kunsill Ewropew mistennija li tkun waħda tad-djalogu.
“Jekk se nħallu jew se nżidu t-tensjonijiet mat-Turkija, tista’ tiżviluppa sitwazzjoni li flok tiffaċilità jew ittejjeb is-sitwazzjoni, l-affarijiet jafu jmorru għall-agħar”, saħaq il-Prim Ministru.
Hawnhekk il-Prim Ministru spjega kif bit-test propost mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, hemm triq ’il quddiem li tista’ twassal għal soluzzjoni fir-rigward ta’ dawn it-tensjonijiet bejn it-Turkija u l-Greċja u Ċipru.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-patt tal-immigrazzjoni preżentat mill-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra.
Qal li d-diskussjoni għad trid tibda iżda dan il-patt propost joffri bażi tajba wara li Malta kienet katalista bil-vuċi soda li kellha fid-diskussjonijiet biex il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun mill-ġdid fuq l-aġenda Ewropea.
“Għal tant xhur ftit li xejn sar u sa mill-bidunett li attendejt f’dan il-Kunsill kont vuċi soda fuq dan is-suġġett. Nemmen li llum qed naraw ir-riżultati, iżda fadal ħafna xi jsir,” irrimarka l-Prim Ministru waqt li saħaq li xorta jemmen li għad m’hemmx solidarjetà ma’ pajjiżna u li l-pressjonijiet fuq gżiritna għadhom kbar wisq.
Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna l-importanza li bħala pajjiż nibqgħu nżommu l-pressjoni biex il-messaġġ ta’ Malta jibqa’ jasal u b’hekk naslu f’punt li tassew il-piż tal-immigrazzjoni illegali jinqasam bejn l-istati membri kollha.
B’hekk pajjiżi bħal Malta u l-Italja, li huma milquta direttament mill-immigrazzjoni ma jibqgħux jerfgħu waħedhom il-piż ta’ din il-kwistjoni.
https://www.facebook.com/MaltaGov/videos/784086052164293