Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li jkun hemm sforz kollettiv u kordinat biex l-irwol li l-Unjoni Ewropea għandha fuq livell globali jissaħħaħ.
Dan waqt li attenda għal-laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej u għas-Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent fl-Islovenja, li bħalissa qed tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fl-ewwel jum id-diskussjoni ffukat fuq l-irwol tal-Unjoni Ewropea fuq il-livell internazzjonali fl-isfond tal-aħħar żviluppi fuq livell globali.
Huwa laqa’ d-diskussjoni dwar l-istrateġija awtonoma filwaqt li tenna dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea ma tkunx reattiva iżda ċertu sitwazzjonijiet ikunu antiċipati.
Qabel tkun diskussa fid-dettall aktar tard dan ix-xahar fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, f’diskussjoni preliminari dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa, il-Prim Ministru Malti stqarr li l-piżijiet ġodda f’dan iż-żmien ta’ rkupru mill-pandemija ma jistgħux jintefgħu fuq in-nies.
Il-Prim Ministru stqarr: “Issemma l-punt ukoll li huwa importanti li nipproteġu liċ-ċittadini tagħna miż-żieda fil-prezzijiet u għalhekk fil-fehma tiegħi jkun żball kardinali li f’dan il-mument ta’ rkupru ekonomiku ż-żidiet li ħa nkunu qed naraw fl-enerġija jinxteħtu fuq in-nies. U hemmhekk fejn qed naraw aħna wkoll bħala pajjiż li nintervjenu sabiex nibqgħu nżommu lil poplu tagħna protett minn dawn iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fl-istess li l-istess waqt fuq livell ta’ kummissjoni u ta’ Kunsill Ewropew aktar tard dan ix-xahar insibu soluzzjoni potenzjalment permanenti għal dan il-fenomenu li qiegħdin nesperjenzaw bħalissa.”
Fis-Summit tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Balkani, filwaqt li tenna dwar l-importanza tal-koperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti sabiex dawn il-pajjżi wkoll jissieħbu mal-Unjoni Ewropea.